Dritt li Tintesa (Linji Gwida)


Linji Gwida dwar l-Applikazzjoni tal-Avviż Legali 456 tal-2021 Dwar il-Pubblikazzjoni Online ta' Sentenzi tal-Qorti u l-Protezzjoni tad-Data (Leġislazzjoni Sussidjarja 12.32)


1. Preliminari


Id-dritt għal smiegħ xieraq jeħtieġ illi s-sentenzi tal-Qrati għandhom jingħataw fil-pubbliku.


Is-sentenzi tal-Qrati huma aċċessibbli skont il-liġi għall-pubbliku fir-Reġistru u fl-Arkivji tal-Qrati.


L-Avviż Legali imsejjaħ 'Regolamenti dwar il-Pubblikazzjoni Online ta' Sentenzi tal-Qorti (Protezzjoni tad-Data) Għoti ta Funzjonijiet' jittratta biss dwar il-pubblikazzjoni ta' sentenzi fuq is-sit elettroniku ecourts.gov.mt u bl-ebda mod ma għandu jippreġudika l-prinċipju tal-pubbliċita tas-sentenzi kif protett mill-Kostituzzjoni u mil-liġi.


Is-sentenzi tal-Qrati Civili u Kriminali kollha jiġu ippublikati online fuq is-sit elettroniku ecourts.gov.mt ħlief għas-sentenzi tal-Qorti tal-Familja jew fejn ikun hemm hemm projbizzjoni tal-pubblikazzjoni li toħroġ mil-liġi jew li tkun ordnata mill-Qorti.


Meta l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Għas-Servizzi tal-Qrati jirċievi talba għat-tneħħija ta' sentenza mis-sit elettroniku hawn fuq msemmi għal raġunijiet ta' protezzjoni tad-dritt għal-ħajja privata u tal-familja, għandhom fl-ewwel lok isiru l-verifiki neċessarji sabiex ikun aċċertat li l-individwu li jkun qed jagħmel it-talba huwa s-suġġett tad-Data identifikat jew identifikabbli fis-sentenza u jekk dak ikun il-każ it-talba tkompli tiġi evalwata.


2. Kriterji u Konsiderazzjonijiet


Il-kriterji u l-konsiderazzjonijiet li jintużaw fl-evalwazzjoni dwar jekk tkunx ġustifikata t-tneħħija, għal kollox jew in parti jew l-anonimiżżazzjoni ta' sentenza mis-sistema online huma:


  1. Ir-raġuni għaliex tkun saret it-talba liema raġuni għandha tkun spjegata mill-applikant;
  2. Jekk ikunx għad hemm il-ħtieġa illi sentenza tibqa fuq is-sit elettroniku għal raġunijiet ta' interess pubbliku, ta' eżerċizzju tad-dritt għall-informazzjoni jew tad-dritt tal-liberta tal-espressjoni, jew għal skop ta' riċerka storika jew xjentifika;
  3. Jekk it-tneħħija, għal kollox jew in parti jew l-anonimiżżazzjoni ta' sentenza mis-sistema online ikollhiex impatt negattiv fuq individwi oħra;
  4. Ir-regoli tal-General Data Protection Regulation (Regulation (EU) 2016/679 b'mod partikolari l-artiklu 17 (right to erasure) ta' dak ir-regolament li jifforma ukoll parti mil-liġi ta' Malta;
  5. Id-deċizjonijiet ta' Qrati Internazzjonali u b'mod partikolari tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropeja u tal-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem fejn jidħol l-ipproċessar tad-data personali.

3. Gwida Ġenerali - Bilanċ bejn Drittijiet u Obbligi


Bħala regola ġenerali ta' gwida għandhom jiġu soddisfatti dawn ir-rekwiżiti qabel ma tkun approvata t-tneħħija, għal kollox jew in parti jew l-anonimiżżazzjoni ta' sentenza mis-sistema online:


  1. Ikunu għaddew tlett snin mid-data tas-sentenza;
  2. F'każ li l-ħati jkun ġie kkundannat għal ħlas ta' multa, il-multa trid tkun mħallsa;
  3. F'każ li jkun ġie preżentat appell mis-sentenza, l-ewwel irid jiġi deċiż l-appell u t-tlett snin jibdew jiddekorru mid-data tas-sentenza tal-qorti fi grad ta' appell;
  4. F'każ li s-sentenza tkun l-oġġett ta' proċeduri oħra dawk il-proċeduri jridu jkunu ntemmu;
  5. F'każ ta' kundanna għal sentenza ta' ħabs sospiż, irid ikun għadda l-perjodu operattiv;
  6. F'każ li l-persuna tkun ġiet misjuba li mhux ħatja, s-sentenza għandha, salv raġunijiet ta' nteress pubbliku, titneħħa fi żmien qasir wara li ssir it-talba.

4. Notifika tad-Deċiżjoni


Id-deċizjoni tiġi komunikata bil-miktub lil persuna li tkun għamlet it-talba fi żmien 30 ġurnata minn meta l-Kap Ezekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati jkun irċieva t-talba.


5. Dritt ta' Appell


Il-persuna li tkun għamlet it-talba għandha tiġi nfurmata wkoll li bid- dritt t'appell mid-deċiżjoni tal-Uffiċċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati lil Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data f'każ li t-talba tiġi miċħuda.



Dan is-sit jagħmel użu mill-cookies biex jiggarantilek l-aħjar esperjenza. Jekk ma tbiddilx is-settings tiegħek, nifhmu li qed taċċetta l-użu tal-cookies b’mod awtomatiku. Iktar Informazzjoni