Referenza: 22/2005

Dettalji tas-Sentenza


Data
30/06/2005
Qorti
CIVIL FIRST HALL (CONSTITUTIONAL JURISDICTION)
Ġudikatura
MICALLEF JOSEPH R.
Partijiet
TRETYAK OLENA vs DIRETTUR TAC-CITTADINANZA U EXPATRIATE AFFAIRS
ECLI
N/A
Judgement Type
FINAL JUDGEMENT

Dettalji tal-Appellati


Appellata
Iva

Kliem Ewlieni / Fil-Qosor


Kliem Ewlieni
ARTIKOLU 3 TAL-KONVENZJONI TAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI TAL-BNIEDEM - ARTIKOLU 36 TAL-KOSTITUZZJONI - ARTIKOLU 44 TAL-KOSTITUZZJONI - ARTIKOLU 8 TAL-KONVENZJONI TAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI TAL-BNIEDEM - JEDD FUNDAMENTALI GHALL-HAJJA TAL-FAMILJA - JEDD FUNDAMENTALI TAL-LIBERTA TAL-MOVIMENT - RIMEDJU GUDIZZJARJU ALTERNATTIV EFFETTIV
Fil-Qosor
Fir-Rikors taghha r-rikorrenti talbet li (a) din il-Qorti taghmel dawk l-ordnijiet, tohrog dawk l-atti u taghti dawk id-direttivi li jidhrilha xierqa sabiex twettaq u tizgura t-twettiq tad-drittijietfundamentali tar-rikorrenti proprio et nomine, fosthom li tiddikjara li hija sofriet u qeghda ssofrivjolazzjoni tad-drittijiet fondamentali taghha ta' harsien minn trattament inuman jew degradanti (imhares bl-artikolu 36 tal-Kostituzzjoni u l-artikolu 3 tal-Konvenzjoni ghall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali), ta' liberta' ta' moviment (imhares bl-artikolu 44 tal-Kostituzzjoni) u wkoll tad-dritt ghall-hajja tal-familja (imhares bl-artikolu 8 tal-imsemmija Konvenzjoni), (b) tordna lill-intimat jaghtiha d-dritt ghal-liberta' ta' moviment u (c) tordnalu jhallasha kumpens xieraq biex jaghmel tajjeb ghall-imsemmi ksur tal-jeddijiet taghha.

B'din l-azzjoni r-rikorrenti tghid li qeghda ggarrab ksur tal-jeddijiet fondamentali taghha li ma tigix soggettaghal trattament inuman u degradanti, li jkollha l-liberta' tal-moviment u li tgawdi d-dritt ghall-hajja tal-familja. Dan sehh ghaliex filwaqt li l-visa taghha f'Malta waslet biex taghlaq, hija ma tistax titlaq minn Malta ghaliex binha minuri - li huwa cittadin Malti - qieghed jinzamm milli jitlaq bis-sahha ta' Mandat ta' Inibizzjoni. Ir-rikorrenti m'hijiex Maltija, hija cittadina tar-Repubblika tal-Ukrajna. Hija qeghda titlob li tinghata l-“freedom of movement” jew li titqies bhala persuna ezenti milli titqies bhala immigrant projbit taht l-artikolu 4 tal-Kapitolu 2l7 tal-Ligijiet ta' Malta.

L-ezistenza ta' rimedju iehor lill-parti li tressaq azzjoni ta' allegat ksur ta' jedd fondamentali taht il-Kostituzzjoni jew taht il-Konvenzjoni ghandha tirrizulta lill-Qorti bhala stat ta' fatt attwali u obbjettiv, u d-diskrezzjoni li tista' twettaq il-Qorti biex ma tezercitax is-setghat taghha “jekk tqis li jkun desiderabbli li hekk taghmel” minhabba l-ezistenza ta' rimedju iehor hija decizjoni fuq tali stat ta' fatt. Huwa biss meta jew jekk jirrizulta lill-Qorti bhala fatt li (kien)jezisti rimedju iehor effettiv lir-rikorrent li l-Qorti tista' tiddelibera jekk ghandhiex twarrab milli tezercita s-setghat taghha li tisma' l-ilment imressaq quddiemha . F'kaz li ma jirrizultax li kien hemm rimedju iehor xieraq, il-Qorti trid tiehu konjizzjoni tal-ilment, u f'kaz li kien hemm rimedju iehor, il-Qorti jibqaghlha s-setgha li tiddeciedi li ma ccediex l-ezercizzju tas-setgha taghha.

Id-diskrezzjoni li l-Qorti ghandha f'dan ir-rigward trid titwettaq b'mod korrett u mmirata lejn l-iskop li l-legislatur ried li jilhaq biha: jigifieri, li filwaqt li ma jithallewx isiru kawzi kostituzzjonali bla bzonn, min-naha l-ohra ma jigrix li, minhabba thaddim “liberali” tad-diskrezzjoni, persuna tinzamm milli tmexxi ‘l quddiem azzjoni bhal din meta jkun jidher li l-kaz huwa wiehed serju li jimplika t-telf jew tnaqqir ta' jedd fondamentali ghal dik il-persuna. Din id-diskrezzjoni ghandha dejjem tigi wzata fl-ahjar interess tal-amministrazzjoni tal-gustizzja biex, min-naha l-wahda,il-Qrati ta' indoli kostituzzjonali ma jsibux ma' wicchom kawzi li messhom jew setghu tressqu quddiem Qrati ohrajn kompetenti jew li dwarhom messhom jew setghu jitfitxxu rimedji ohrajn effettivi, u biex, min-naha l-ohra, persuna ma tigix imcahhda mir-rimedji li ghandha jedd tfittex taht il-Kostituzzjoni jew taht il-Kap 319 tal-Ligijiet ta' Malta.

Meta jinghad li jkun hemm riemedju iehor xieraq, dejjem ikun qieghed jitfisser li tali rimedju jrid jitqies fid-dawl tal-ksur tal-jedd fondamentali li jkun qed jigi allegat li nkiser jew li jkun mhedded li sejjer jinkiser: ghandu jkun rimedjuaccessibbli, xieraq, effettiv u adegwat biex jindirizza l-ksur jew theddid ta' ksur lamentat. M'hemmx ghalfejn li, biex jitqies bhala effettiv, ir-rimedju jintwera bhala wiehed li se' jaghti lir-rikorrent success garantit, bizzejjed li jintwera li jkun wiehed li jista' jigi segwit b'mod prattiku,effettiv u effikaci. Madankollu, l-ezistenza ta' rimedju iehor trid titqies fiz-zmien tal-allegat ksur tal-jedd fondamentali li dwaru jitressaq l-ilment, u mhux fiz-zmien li jkun tressaq l-ilment kostituzzjonali jew konvenzjonali. M'huwiex moghti lil persuna l-beneficcju li l-ewwel thalli jghaddi ghalxejn iz-zmien li fih setghet tiehu r-rimedju ghall-ksur tal-jedd taghha, u mbaghad tressaq ilmentkostituzzjonali jew konvenzjonali dwar l-istess ksur bhallikieku l-procedura kostituzzjonali jew konvenzjonali kienet xi rimedju in extremis li wiehed jista' jirrikorri ghalih biex isewwi zball jew nuqqas li ma messux twettaq qabel.

Gew stabiliti principji mill-Qorti Kostituzzjonali lighandhom jigu segwiti minn Qorti biex tqis jekk huwiex minnu li r-rikorrent kellu ghad-dispozizzjonitieghu rimedju alternativ effettiv. Fost dawn il-principji wiehed isib li (a) meta jidher car li jezistu mezzi ordinarji disponibbli ghar-rikorrent biex jikseb rimedju ghall-ilment tieghu, ir-rikorrent ghandu jirrikorri ghal tali mezzi qabel ma jirrikorri ghar-rimedju kostituzzjonali, u huwa bisswara li jkun fittex dawk il-mezzi jew wara li jidher li dawk il-mezzi ma jkunux effettivament disponibbli li ghandu jintuza r-rimedju kostituzzjonali; (b) li d-diskrezzjoni li tuza l-Qorti biex tqisjekk ghandhiex twettaq is-setghat taghha li tisma' kawza ta' natura kostituzzjonali ghandha torbot,sakemm ma tingiebx xi raguni serja u gravi ta' illegalita', ingustizzja jew zball manifest fl-uzu taghha; (c) m'hemm l-ebda kriterju stabilit minn qabel dwar l-uzu tal-imsemmija diskrezzjoni, billi kull kaz jehtieg jigi mistharreg fuq ic-cirkostanzi tieghu; (d) in-nuqqas wahdu ta' tehid ta' mezzi ordinarji mir-rikorrent m'huwiex raguni bizzejjed biex Qorti ta' xejra kostituzzjonali taqtaghha lima tuzax is-setghat taghha li tisma' l-ilment, jekk jintwera li l-imsemmija mezzi ma kinux tajbin biex jaghtu rimedju shih lir-rikorrent ghall-ilment tieghu; (e) in-nuqqas ta' tehid ta' rimedju ordinarju - ukoll jekk sata' kien ghal kollox effettiv biex jindirizza l-ilment tar-rikorrent - minhabbal-imgiba ta' haddiehor m'ghandux ikun raguni biex il-Qorti twarrab is-setghat taghha li tisma' l-ilment kostituzzjonali tar-rikorrent; (f) l-ezercizzju minn Qorti (tal-ewwel grad) tad-diskrezzjoni taghha bla ma tistharreg il-materja necessarja li fuqha tali diskrezzjoni ghandha titwettaq, jaghti lil Qorti tat-tieni grad is-setgha li twarrab dik id-diskrezzjoni; u (g) meta r-rimedju jaqa' fil-kompetenza ta' organu iehor jew meta s-smigh tal-ilment tar-rikorrent se' jwassal biex l-indagni gudizzjarja u l-process l-iehor tas-smigh tar-rimedju ordinarju jkunu duplikazzjoni ta' xulxin, il-Qorti kostituzzjonali ghandha ttendi lejn ir-rifjut li tuza s-setghat taghha kostituzzjonali, sakemm l-indagni gudizzjarja tal-kaz ma tkunx, min-natura taghha, ixxaqleb izjed lejn kwestjoni kostituzzjonali.

Id-diskrezzjoni li l-Qorti taghzel li tiehu jekk twettaqx jew le s-setghat taghha kostituzzjonali biex tisma' kawza ghandha tigi ezercitata bi prudenza, b'mod li fejn jidher li hemm jew sejjer ikun hemm ksur serju ta' drittijiet fondamentali, l-Qorti xxaqleb lejn it-twettiq ta' dawk is-setghat. Din id-diskrezzjoni ghandha dejjem tigi wzata fl-ahjar amministrazzjoni tal-gustizzja u tohloq bilanc biex, mill-banda l-wahda, twaqqaf lil min jipprova jabbuza mill-process kostituzzjonali, u mil-banda l-ohra zzomm milli jigi mahluq xkiel bla bzonn lil min genwinament ifittex rimedju kostituzzjonali.

Il-Qorti tasal ghall-fehma li l-istess rikorrenti kellha u ghad ghandha ghad-dispozizzjoni taghha rimedju ordinarju kif indikat mill-intimat, jigifieri li hija tapplika mal-intimat biex johorgilha permess biex tahdem f'Malta. It-tehid ta' tali rimedju (ghalkemm fih innifsu m'huwiex garanzija shiha li jhalli ezitu kif trid ir-rikorrenti) huwa wiehed li jindirizza l-qalba tal-“morsa” lir-rikorrenti tghid li tinsab fiha, u dan minghajr ma jgeghlha tghaddi mill-kedda ta' process gudizzjarju li jidduplika l-process prezenti. Il-Qorti temmen ukoll li l-imsemmi rimedju jghin iholl il-kobba mhabbla ta' konflitti guridici li l-qaghda tar-rikorrenti u ta' wliedha necessarjament holqu. Fuq kollox, il-Qorti tqis li l-imsemmi rimedju ghadu miftuh ghar-rikorrenti, u l-fatt li r-rikorrentitaghzel li tirrikorri ghalih ma jnaqqsilha xejn mill-jeddijiet taghha li tibqa' tishaq li d-drittijiet kostituzzjonali jew konvenzjonali taghha ma jigux mittiefsa.

Il-Qorti hija soddisfatta li r-rimedju imsemmi mill-intimat japplika wkoll fic-cirkostanzi partikolari tar-rikorrenti. Il-Qorti ssib li, mill-provi mressqa, il-procedura ghall-applikazzjoni ghal hrug ta' permess ghal xoghol f'Malta tghodd ukoll ghal persuni li jridu jahdmu ghal rashom.

Ghaldaqstant din il-Qorti taghzel li ma tinqediex bis-setghat taghha kostituzzjonali billi ssib li r-rikorrenti kellha u ghad ghandha rimedju ordinarju disponibbli ghaliha bla ma ghandha ghalfejn tirrikorri ghal dawn il-proceduri.




Programm Operattiv 1
CONvErGE connected eGovernment


Dan is-sit jagħmel użu mill-cookies biex jiggarantilek l-aħjar esperjenza. Jekk ma tbiddilx is-settings tiegħek, nifhmu li qed taċċetta l-użu tal-cookies b’mod awtomatiku. Iktar Informazzjoni